Search
Wednesday, September 08, 2010 ..:: Fundatur ::.. Register  Login
 Mons Sidor Formosa
Minimize
 
     Il-Fundatur tas-Sorijiet Orsolini, Mons. Isidor dei Conti Formosa, twieled fil-Belt Valletta nhar il-15 ta’ Novembru 1851, fi ħdan familja nobbli iżda ta’ sentimenti nsara qawwija. Il-ġenituri tiegħu kienu s-Sur Salvatore dei Conti Formosa u s-Sinjura Ġużeppina Farrugia Lebrun. Minnhom żgur li ċ-ċkejken Isidor irċieva l-eżempju ta’ l-aqwa virtu’, speċjalment li jaħrab l-għażż u li jirrendi ruħu ta’ servizz għall-oħrajn.
 
     Minn ta’ eta’ ċkejkna, Isidor, kien qed jinduna bil-faqar ta’ madwaru u l-konsegwenzi koroh li kienu qed ibatu l-iżjed it-tfal, ħtija ta’ dan il-faqar. Hu fehem u emmen li hu nnifsu kellu ħafna x’jagħti lis-soċjeta’ fosthom il-għana u l-ġid tal-familja tiegħu. Ħaġ’ oħra hi li minn kmieni beda jberren f’moħħu li jsir qassis. Aktar ’l quddiem din is-sejħa tiegħu ta’ saċerdot għinitu biex ikun jista’ jersaq aktar lejn dawn il-foqra permezz ta’ diversi ħidmiet li wettaq fis-Soċjeta’ ta’ San Vincenz de Pauli fil-Belt.
 
     Minkejja, kif diġa’ għidt, il-valuri nsara u sodi li għixu bihom il-ġenituri tiegħu, għall-ewwel din l-aħbar ħasdithom u ma tantx aċċettawha tant li Isidor sab oppożizzjoni minnhom. Dan għaliex huma kellhom pjanijiet u prospetti oħra għal Isidor, bħal, nagħtu każ. xtaquh isir tabib jew avukat. Madanakollu, hu baqa’ sod f’din il-fehma u qalilhom li ma kienx biss imħajjar biex isir qassis, imma determinat. Meta raw kemm kien deċiż, huma aċċettaw minn qalbhom din il-vokazzjoni nobbli tiegħu[1]. Għalhekk, f’Mejju 1866, ta’ madwar ħmistax-il sena, hu għamel rikors il-Kurja Arċiveskovili għand l-Arċisqof Paceforno biex jibda din it-triq għas-saċerdozju[2]. Beda tliet snin ta’ servizz bħala kjeriku fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.[3] Fit-23 ta’ Mejju 1866, l-Arċisqof laqa’ r-rikors tiegħu. Mons. Carmelo Scicluna, li kellu jkun Arċisqof ta’ Malta, iddikjara li Formosa jibda’ jservi f’San Ġwann mis-17 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena[4]. Is-Sante Sede ppermettiet li l-aħjar fost is-Seminaristi jieħdu l-gradi fit-Tejoloġija. Isidor kien wieħed minn dawn is-Seminaristi li ngħata din l-opportunitaċ. Wara seba’ snin ta’ studju ta’ letteratura u filosofija, (1866-1873), hu għamel l-eżami biex jiġi ammess fl-Universitaċ ta’ Malta li kienet il-Belt. Hu ġie eżaminat fil-lingwi, (Latin, Taljan u Ingliż), Matematika, Fiżika u Filosofija. Isidor mar tajjeb fl-eżami b’mod li fil-15 t’Ottubru 1873, ġie ammess għall-kors akkademiku ta’ l-Universitaċ ta’ Malta.[5]
 
     Fit-18 ta’ Settembru 1875, fil-Kappella tal-Palazz Arċiveskovili tal-Belt, Isidor ġie ordnat djaknu mill-Isqof il-ġdid Carmelo Scicluna. Imbagħad, wara ħafna studju u preparazzjoni, f’Diċembru tal-1875, fl-etaċ żgħira ta’ 23 sena, huwa ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Carmelo Scicluna. Minkejja li kien qassis, huwa xorta waħda baqa’ għaddej bl-istudji tiegħu u wara sena u nofs li kien ġie ordnat huwa kiseb id-Dottorat fit-Tejoloġija.
 
     Wara li lesta l-istudji tiegħu, wera ruħu mimli ħeġġa u żelu għall-ġid spiritwali tal-poplu t’Alla, filwaqt li wera mill-bidu ġibda speċjali lejn il-fqar. Fil-fatt, l-ewwel kamp li kkoltiva b’imħabba u intelett, kien l-Istitut tal-Bon Pastur, imwaqqaf għall-edukazzjoni spiritwali tat-tfal fqar fil-Belt fil-Knisja tal-Vitorja. Dun Isidor daħal għal dan ix-xogħol b’ħeġġa qaddisa u b’imħabba ta’ missier. Kienu tfal nieqsa mill-ewwel elementi ta’ manjieri soċjali, u d-dehra tal-faqar tagħhom kienet iġġiegħlu jħossu li, flimkien mal-ħobż mistiku tal-Kelma, kellu jqassmilhom il-ħobż materjali u jipprovdilhom il-ħwejjeġ, speċjalment fl-okkażjoni ta’ l-Ewwel Tqarbina. Dun Isidor inħatar Direttur ta’ dan l-Oratorju bejn is-snin 1877–1879.
 
     Fl-istess żmien, kien jidderiġi l-katekiżmu li kien isir għal-bniet foqra fil-Knisja ta’ Santa Barbara, il-Belt. Il-katekiżmu f’din il-Knisja kien ġie traskurat ħafna u għalhekk, Dun Isidor fis-sena 1876, ftit ġimgħat wara li kien ġie ordnat saċerdot kompla u saħħaħ il-Kongregazzjoni tal-Figlie di Maria Immaculata. Il-bidu tagħhom tant kien qrib ta’ l-ordinazzjoni tiegħu li 25 sena wara Dun Isidor seta’ jgħidilhom: “Intom, Figlie di Maria, flimkien miegħi, li għalaqt 25 sena saċerdot, qed tiċċelebraw il-ġublew tal-fidda tal-fundazzjoni tagħkom fil-Knisja ta’ Santa Barbara. Qatt ma naqset fikom it-tjubija ta’ l-ewwel snin. Dan hu biżżejjed għat-tifħir li jistħoqqilkom.”[6]
 
     Il-membri tal-Figlie di Maria kienu tfajliet li Dun Isidor ġabarhom flimkien sabiex jgħallimhom, u ’l quddiem kienu jkunu jistgħu jgħaddu t-tagħlim li rċevew mingħandu. F’numru ta’ priedki miktubin ta’ Dun Isidor insibu li hu ħejja formazzjoni soda għall-membri tal-Figlie di Maria. Għaldaqstant bosta tfajliet, aktar ’l quddiem, wieġbu għas-sejħa ta’ ħajja ta’ safa permezz ta’ Ħajja Kkonsagrata wara li kienu rċevew tagħlim sod fi ħdan il-Figlie.
 
     Kelmiet tiegħu twasslu minn Suor Margherita Camilleri, waħda mill-ewlenin Sorijiet Orsolini: “Jiena kont ili niġbor ix-xebbiet fil-Knisja ta’ Santa Barbara biex inkellimhom fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, u ngħinhom jimxu sewwa fil-ħajja. Kont ġbarthom taħt l-isem ta’ Figlie di Maria biex Marija tkun il-mudell ta’ ħajjithom. Ta’ dawn kont id-Direttur.”[7]
 
     Kontemporanju ta’ Dun Isidor jispjega hekk fuq dawn it-tfajliet: “Dun Isidor sab ruħu f’relazzjoni kontinwa ma xbejbiet ta’ ħajja safja. Lilhom kitibhom f’Kongregazzjoni mwaqqfa minnu bl-isem ta’ Figlie di Maria. F’bosta minnhom, hu kien qed jammira inklinazzjoni għall-ħajja kkonsagrata. Għalhekk hu kien qiegħed iberren f’moħħu x’jista’ jagħmel biex jiftħilhom it-triq għal dan il-għan nobbli.”[8]
 
 
 
Il-kumpanija ta’ sant’ orsla
 
     B’ħarsa lejn Sant’ Angela u l-Orsolini ta’ żmienu, skond l-aħħar riformi, Dun Isidor għaraf il-bżonn ta’ appostolat bħal dan u għalhekk ried iwaqqaf xi ħaġa tixxibah f’Malta wkoll. Permezz tal-kuntatti li kellu barra minn Malta, għaraf is-siwi tal-ħidma tal-Kumpanija ta’ Sant’Orsla u għalhekk ħabrek biex din tiġi mwaqqfa wkoll fostna hawn Malta. F’artiklu msemmi “Sant’ Angela”,ippublikat fit-3 ta’ Marzu 1884 fir-rivista Il-Bon Pastur, Dun Isidor, wara li jagħti tagħrif qasir fuq il-ħajja tal-qaddisa, jagħmel din il-mistoqsija, “M’għandux ikollna aħna wkoll Istitut ta’ xebbiet operari u ta’ ġid tant kbir lil sħabhom u lill-poplu, f’dan il-pajjiż li hu dispost għal kull xorta ta’ ġid?’ Iva u nittamaw li ma ndumux ikollna aħna wkoll il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla b’tant xebbiet li huma jistgħu bla ma jħallu djarhom, ikunu f’dan l-Ordni hekk nobbli ta’ l-ulied ta’ Sant’ Angela Merici. Ġa din it-talba għall-gżira tagħna saret mill-ulied ta’ Sant’ Angela fi Brescia fuq il-qabar tagħha, u l-protezzjoni tagħha u l-opra ta’ dawn ix-xebbiet, hi msejjħa f’dawn iż-żminijiet fuq id-dinja kollha kontra l-għedewwa tal-Knisja, ta’ l-insara, tal-Papa u tar-religjon.”
 
     B’hekk Dun Isidor beda jħejji xbejbiet għal ħajja kkonsagrata aktar intensa. Il-membri tal-Kumpanija, waqt li jibqgħu lajċi kienu jgħixu fi djarhom u wara żmien ta’ riflessjoni, kienu jintrabtu bil-vot ta’ kastita` għal sitt xhur. Imbagħad, dan jibqgħu iġedduh minn sitt xhur għal sitt xhur. Bħala talb kienu obbligati jgħidu l-Uffiċċju ż-|għir ta’ l-Immakulata li kien jissejjaħ ta’ Patri Rodriguez.[9] Huma kienu marbutin josservaw ir-Regola ta’ Sant’ Angela approvata mill-Papa Pawlu III bil-Bolla Regimini Universalis Ecclesiae bid-data tad-9 ta’ Ġunju 1544.[10] L-approvazzjoni ta’ din il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla f’Malta ġiet minn Mons. Arċsqof Carmelo Scicluna bid-data tat-30 ta’ Mejju 1884 u tgħid hekk: “Bis-setgħa tagħna, nirrikonoxxu din il-Konfraternita’ ta’ Sant’ Orsla. Niddikjarawha mwaqqfa skond il-liġijiet tal-Knisja f’din id-djoċesi. Napprovaw l-istatuti tagħha biż-żidiet u tibdil kif hemm fir-rikors. Ninnominaw ukoll lil Dun Isidor bħala Rettur tagħha.”[11] Fis-7 ta’ Frar 1884, għalkemm kien għad m’hemmx l-approvazzjoni tal-Knisja, l-ewwel tnejn għamlu l-wegħda tagħhom ’l Alla fil-privat, f’idejn Dun Isidor. Imbagħad fis-19 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, hu laqqagħhom fl-Oratorju msejjaħ tas-Secreta li jmiss mal-Knisja tal-Ġiżwiti, l-Belt. Għandna dokumentat il-ferħ kbir ta’ Dun Isidor fl-okkażjoni ta’ l-ewwel Professjoni ta’ l-ewwel membri tal-Kumpanija. F’ittra li kiteb lill-Orsolini ta’ Brescia, hu jistqarr, “Il-kumpanija tagħna tista’ fl-aħħar tkanta vittorja. ...Tassew li l-ewwel Sorijiet kien baqgħalhom xi ftit żmien ieħor biex itemmu s-sena tan-Novizzjat, iżda ċ-ċirkustanzi kienu qed jagħfsu. Il-Professjoni saret fis-17 ta’ dan ix-xahar t’April li wasal biex jintemm, ippreseduta minn tridu ta’ eżerċizzi spiritwali.”[12]
 
     Ta’ min jinnota li kien għad fadal 23 sena biex jitwaqqaf il-Museum ta’ San Ġorġ Preca, iffurmat minn membri impenjati li jwiegħdu il-kastita` fil-waqt li jibqgħu lajċi fi djarhom. Dawn ix-xebbiet tal-Kumpanija kienu jimpenjaw ruħhom fis-socjeta’ billi jwettqu opri tal-ħniena ma’ nies żvantaġġjati: iżuru l-morda, jgħallmu d-duttrina lill-kbar u lil dawk li kienu torox u muti, iwiddbu lill-midimbin, isewwi tgħawwiġ ta’ kuxjenzi u ħwejjeġ bħal dawn. Dan l-appostolat kien dejjem jitwettaq taħt l-ubbidjenza tas-superjuri.
 
       Fl-ewwel novizzjat kienu ġew stabbiliti tliet regolamenti meqjusa bħala fundamentali: l-adorazzjoni perpetwa, żjajjar lill-morda u ħarsien tar-relikwi qodma. Il-ħsieb ta’ Dun Isidor kien li permezz ta’ l-adorazzjoni perpetwa ssir riparazzjoni lil Ġesu’ Sagramentat għall-offizi li jsiru minħabba s-setet, primarjament dik tas-setta mażonika. Huma stess, permezz ta’ dawn l-adorazzjonijiet, kienu jsibu s-saħħa spiritwali u l-qdusija personali tagħhom. Aktar ’l quddiem, fis-sena 1928, insibu lil Mons. Isidor Formosa jintroduċi lil dawn il-membri tal-Kumpanija forma oħra ta’ ħidma. Din kienet tikkonsisti filli dawn ix-xebbiet tal-Kumpanija, jgħallmu lit-tfajliet is-sengħa tal-ħjata, rakkmu u ħwejjeġ simili flimkien mal-katekiżmu nisrani. Il-ħerqa tagħhom, bil-permess u l-barka ta’ l-Arċisqof, għamlet għeruq u tat ħafna frott.
 
 
It-twelid tal-kongregazzjoni tas-sorijiet orsolini
 
Il-poplu ta’ kull ġens dejjem intlaqat profondiment mill-ħidma ta’ dawk li mingħajr ma jagħmlu għall-flus, jintefgħu biex jgħinu lil min ikun fil-bżonn. Il-poplu Malti ma ntlaqatx wisq mill-ħajja ta’ talb u mill-adorazzjoni perpetwa tal-membri tal-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla. Il-Maltin aktar kienu qed josservawhom u jaraw b’għajnejhom il-ġid li kienu qed jagħmlu fost il-kbar u ċ-ċkejknin milqutin minn xi problema tal-ġisem jew tar-ruħ. Ħafna li ħarsu lejhom b’ammirazzjoni ma kinux qed jintebħu li d-dedikazzjoni għall-ġid temporali kellha bħal fjamma spiritwali li tinżamm tixgħel, u tnessi s-sagrifiċċji u t-toqol tal-ħajja. Aktar m’għadda ż-żmien, aktar il-membri tal-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla, imqanqlin minn Dun Isidor, ħassewhom magħqudin dejjem iżjed bejniethom, ħaġa li ssuktat tressaqhom lejn Alla. L-opra tagħhom, tant bżonnjuża għall-poplu, setgħet timxi aktar ’l quddiem jekk jorganiżżaw ruħhom aħjar. Minħabba l-fatt li Dun Isidor kellu aċċess mill-qrib tal-fqar u s-sitwazzjoni tagħhom, huwa seta’ jagħraf kif jirrimedja għal tant faqar speċjalment fost ommijiet żgħar li kienu impediti milli joħorġu jaħdmu barra mid-dar minħabba li riedu jieħdu ħsieb it-trabi tagħhom. Din il-forma ta’ appostolat kienet waħda mir-raġunijiet primarji għaliex it-tliet membri tal-bidu ingħaqdu bħala komunitaċ għaliex b’hekk setgħu jlaħħqu iżjed mad-domanda.
 
Kellha tkun il-kelma soda tiegħu li ċaqalqithom biex jieħdu azzjoni. Huwa nnifsu kien jgħid li tlieta minnhom tħajru jilqgħu l-proposta tiegħu u jagħtu bidu għall-Kongregazzjoni Kolleġġjali tas-Sorijiet Orsolini. Kliem Dun Isidor jgħid hekk: “Kienu jħossuhom imħajjrin iħallu d-dinja biex jidħlu fil-ħajja reliġjuża.”[13]Dawn it-tlieta kienu, Marjanna Camilleri (Professa), Ġużeppina Tonna (Novizza) u Maria Tereża Zammit (Postulanta).
 
       Id-Djoċesi ta’ Malta minħabba l-marda gravi ta’ l-Arċisqof Scicluna ġiet afdata f’idejn il-Kapuċċin Monsinjur Anton Buhagiar bit-titlu ta’ Amministratur Apostoliku. Għalhekk, Dun Isidor mar kellem lilu fuq l-intenzjonijiet tiegħu u aktar tard Dun Isidor tenna jgħid: “L-Istitut tagħna twieled f’dirgħajh!”[14]Il-Fundatur ma tilifx żmien malli l-Isqof tah il-permess. Għalhekk hu ssokta jgħid:“Wara li tani l-permess, krejt dar fi Strada Ospedali, l-Belt. Fl-4 ta’ Mejju 1887, iltaqgħu għall-ewwel darba f’din id-Dar.”[15]Kienet f’numru 48 u ġiet iddedikata lil San Ġużepp. Aktar milli bħala Fundatur jew Rettur, Dun Isidor, ried iġib ruħu ta’ missier ma’ dawk ix-xbejbiet. Meta kien ikellimhom hu kien ifissrilhom kemm kienet kbira x-xewqa tiegħu li huma jipperseveraw u kien idaħħlilhom l-ispiritwalitaċ ta’ Sant’ Angela Merici. Lil ħajjithom hu xebbahilhom ma’ dik tal-qaddisin aħwa Marta u Marija. Qalbu kienet mimlija bit-tama li dawk it-tlieta tal-bidu ikunu bħal pedament sod għal dik id-Dar ċkejkna ta’ San Ġużepp.
 
       Fl-20 ta’ Frar 1888, taħt id-direzzjoni ta’ Dun Isidor, ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu supplika lill-Isqof Anton Buhagiar li kien għadu Amministratur Appostoliku biex ikollhom l-erezzjoni kanonika bħala Isititut ta’ Ħajja Ikkonsagrata. Is-supplika titlob: li minn lajċi jsiru reliġjużi f’Istitut ta’ Ħajja Ikkonsagrata, li jkollhom abitu reliġjuż, li jgħixu taħt ir-Regola ta’ Santu Wistin, il-Kostituzzjonijiet ta’ Sant’ Angela Merici u d-direttorju ta’ l-istess Dar. Esprimew ix-xewqa kbira li kellhom li jipprofessaw voti sempliċi li jkunu jistgħu jiġu maħlula mingħajr ma jirrikorru lejn is-Santa Sede. Wara tliet snin jagħmlu l-Voti Perpetwi iżda dejjem Sempliċi. L-Isqof Anton Buhagiar ta l-erezzjoni kanonika lill-Orsolini Maltin ta’ Sant’ Angela Merici permezz tad-digriet tal-15 ta’ Marzu 1888.[16]
Qabel ma ġiet l-approvazzjoni tal-Knisja, Dun Isidor, beda jħejji l-kostituzzjonijiet. Kienu statuti li diġaċ bdew juruhom bħal Sorijiet ta’ Ħajja Ikkonsagrata bil-voti ta’ kastita`, faqar u ubbidjenza. Issejħu bħala Istitut ta’ Orsolini Kulleġġjali għall-fatt li kienu jgħixu flimkien. L-Istitut kellu skop tassew li jeżisti għaliex sa mill-bidunett kien itaffi tant tbatija fost it-tfal. Is-sorijiet rebħu l-fiduċja ta’ l-ommijiet li ma beżgħux jafdaw lil uliedhom f’idejn dawn is-sorijiet għaliex kienu jaraw mill-bidunett il-ġid li kien isir ma’ uliedhom. Is-sorijiet tad-Dar ta’ San Ġużepp ingħataw ukoll għat-tagħlim tal-foqra li minħabba ċerti raġunijiet ma setgħux jattendu l-iskejjel tal-gvern. Huma kienu jgħallmu lit-tfal il-qari, il-kitba u kif iwettqu diversi ħidmiet fid-dar, minbarra tagħlim sostanzjali ieħor biex jgħixu ħajja nisranija eżemplari. Permezz ta’ diversi publikazzjonijiet, Dun Isidor kien iqajjem għarfien ta’ din il-ħidma fost dawk li setgħu ikunu benefatturi tagħha. Huwa kiteb lis-sorijiet tal-bidu biex: “Jagħmlu ħilithom kollha kemm hi biex ikunu ta’ ġid għall-oħrajn u jgħinuhom jaslu għall-perfezzjoni. Dan jagħmluh bl-eżempju tajjeb tagħhom, bit-tagħlim tad-duttrina nisranija lill-bniet u billi jgħallmuhom ukoll jgħixu ħajja tajba. Jagħmluh ukoll billi jitħarrġu, skond kemm jippermettilhom l-istat tagħhom, fl-opri l-oħrajn ta’ tjieba u ħniena lejn il-proxxmu.”[17]
 
Kien diġa’ qed jidher ċar li l-Orsolini Kolleġġjali bdew jitħejjew biex igħixu ħajja kkonsagrata skond kif tifhimha l-Knisja. Il-fundatur mhux biss kien iħarishom u jgħinhom, imma baqa’ jaħdem bla mistrieħ biex isibilhom benefatturi li jkunu ta’ sosten finanzjarju ta’ proġett li kien jitlob fondi konsiderevoli.
 
       Ftit wara li twaqqfet din id-Dar, l-Isqof Anton M. Buhagiar, ħatar lil Dun Isidor Monsinjur tal-Katidral. Dan it-titlu tah l-opportunita’ biex jgħin iżjed lil min kien batut. Meta resaq lejn dawk li bi żmienu kienu meqjusin bħala kbar, dan għamlu biex jakkwista xi ħaġa minn għandhom għall-għeżież tiegħu. Dawn kienu l-foqra, il-morda, l-isfortunati, u naturalment il-membri ta’ l-istituzzjonijiet li kienu marbutin ma’ qalbu.[18]
 
Dun Isidor huwa mudell għan-nisrani ta’ llum u għall-kleru Malti impenjat f’ħidma soċjali biex iwassal l-effetti ta’ fejda fejn hemm il-problemi, effett tas-soċjeta’ post-moderna u l-influenzi li qed jaħkmu fost il-poplu Malti llum. Dun Isidor kien iżomm dawn il-kelmiet tiegħu stess bħala prinċipju ta’ ħajtu:
 
“Kemm indum ngħix, nagħmel kemm nista’ biex oħrajn jagħarfu ’l Alla
u jberkuh biex ħajti tkun appostolat għal Ġesuċ Kristu.
Jiena lilu, li għex u miet għalija,
 nżommu b’mudell tiegħi.”[19]
 
 
 
 
 
 
 
 
REFERENZI
 
  • Il-Bibbja, Malta: Għaqda Bibblika Maltija 1996
  • Gaudium et Spes, Dokument Konċiljari, 7 ta’ Diċembru 1965
  • Dawl Fid-Dlam, editjat Mis-Sorijiet Orsolilni fl-okkażjoni tal-110 sena mit-twaqqif tagħhom, 1887- 4 ta’ Mejju - 1997
 
BIBLIOGRAFIJA
 
  • Barbara, Val. V. Trad. Santu Wistin – Id-Diskors Tal-Mulej fuq Il-Muntanja. Pubblikazzjoni Provinċja Agostinjana 1999
  • Bonnici, Alexander OFM Conv. Mons. Sidor Formosa (1851-1931). 1991
  • Spiteri, Donat OFM Cap. Ħenjin Intom. Pubblikazzjoni Lumen Christi, 2005
  • Luz, Ulrich. The Theology of the Gospel of Matthew. Cambridge University Press 1993
  • Margoni, Alberto. Angela Merici, The intuition of the secular spirituality. Rubbettino Editore 2004
 


[1]    A.Ċ.O.,Ġuże Cardona, xogħol inedit, Dun Sidor f. 3-4
[2]    A.Ċ.O., Rikors tal-1866 lill-Ar`isqof Paceforno
[3]    A.Ċ.O., Rakkomandazzjoni ta’ P. Salv Pace OP, mar-rikors lil Paceforno biex Isidor Formosa iservi f’San Ġwann
[4]    A.Ċ.O., Rikors tal-1866 lill-Arċisqof Paceforno. L-istess rikors fih ir-rakkomandazzjoni tal-Kappillan, it-tweġiba     pożittiva ta’ l-Arċisqof u d-dikkjarazzjoni ta’ Mons. Scicluna.
[5]    Universita` ta’ Malta, Registri anno accad. 1873-1874
[6]    Formosa, Isidor. Un Piccolo Omaggio a Gesu` Redentore, 1901, p. 8-9
[7]    JMSDB. “Mitsena ta’ Talb, ta’ Ħidma: Is-Sorijiet Orsolini ta’ Malta”, Bulettin Sależjan, N.100 (Marzu/April 1987), p. 12
[8]    Farrugia, Mons. Alwig. Kelmtejn fuq il-Ħajja ta’ Mons. Sidor Formosa DD. 19 ta’ Frar 1931 (Għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu)
[9]    A.A.M. Suppl., 1844, f.241
[10]  Margoni, Alberto. Angela Merici, The intuition of the secular spirituality, Rubbettino Editore 2004, p. 62
[11]  A.A.M., Suppl., 1884, f. 239
[12]  A.Ċ.O., Mons. Isidor Formosa lis-Superjura ta’ l-Orsolini ta’ Brescia, 29 t’April 1885
[13]  JMSDB. “Mitsena ta’ Talb, ta’ Ħidma: Is-Sorijiet Orsolini ta’ Malta”, Bulettin Sależjan, N.100 (Marzu/April 1987), p. 13
[14]  Omaggio, 1982, p. 13
[15]  Ibid., 1893, p. 7
[16]  A.A.M., Supp. 271, (1888)
[17]  Cost., 1892, c. I, n. 1, p. 5
[18]  A.Ċ.O.,Ġuże Cardona, xogħol inedit, Dun Sidor Formosa, op.cit., f. 17
[19]  A.Ċ.O., Dun Isidor Formosa, Korrispondenza u Kitbiet, f. 29 v.
 
 
 
taqsir ta’ kliem
 
A.A.M.           -   Arkivju Arċiveskovili (Furjana) Malta
A.Ċ.O.           -   Arkivju Ċentrali ta’ L-Orsolini
Accad.          -   Accademico
Cost. (Kost.) -    Kostituzzjonijiet
JMSDB         -     Joseph Mangion SDB
Copyright 2008 by Ursuline Sisters Malta   Terms Of Use  Privacy Statement